Industrija tal-lavanja f'Wales

Il-qsim tal-blokok tal-lavanja bil-martell u bl-iskalpell għall-produzzjoni tal-lavanja għat-tisqif jirrikjedi ħila kbira. Dan il-proċess ma kienx mekkanizzat qabel it-tieni nofs tas-seklu 20, u xi lavanja għadha tiġi prodotta b'dan il-mod. Dawn il-ħaddiema tal-barrieri kienu qed jaħdmu fil-Barriera ta' Dinorwic, Wales, għall-ħabta tal-1910.

L-industrija tal-lavanja f'Wales ilha teżisti minn żmien ir-Rumani, meta l-lavanja kienet tintuża biex jissaqqaf il-forti f'Segontium, issa Caernarfon. L-industrija tal-lavanja kibret bil-mod sal-bidu tas-seklu 18, imbagħad splodiet matul ir-Rivoluzzjoni Industrijali f'Wales sal-aħħar tas-seklu 19, u matul dan iż-żmien l-iżjed żoni importanti għall-produzzjoni tal-lavanja kienu jinsabu fil-Majjistral ta' Wales. Dawn is-siti kienu jinkludu l-Barriera ta' Penrhyn qrib Bethesda, il-Barriera ta' Dinorwic qrib Llanberis, il-barrieri tal-Wied ta' Nantlle, u Blaenau Ffestiniog, fejn il-lavanja kienet tiġi estratta mill-minjieri iktar milli mill-barrieri. Il-barrieri ta' Penrhyn u ta' Dinorwig kienu l-ikbar żewġ barrieri tal-lavanja fid-dinja,[1] u l-minjiera ta' Oakeley f'Blaenau Ffestiniog kienet l-ikbar minjiera tal-lavanja fid-dinja.[2] Il-lavanja tintuża primarjament għat-tisqif, iżda tiġi prodotta wkoll bħala ħaġra eħxen għal varjetà ta' użi inkluż il-madum tal-art, l-uċuħ tal-imwejjed tax-xogħol u l-lapidi.[3]

Sal-aħħar tas-seklu 18, il-lavanja kienet tiġi estratta fuq skala żgħira minn gruppi ta' ħaddiema tal-barrieri li kienu jħallsu royalty (miżata) lis-sid tal-art, kienu jittrasportaw il-lavanja fuq il-karrijiet sal-portijiet, u mbagħad kienu jittrasportawha bil-baħar lejn l-Ingilterra, lejn l-Irlanda u xi kultant lejn Franza. Lejn l-aħħar tas-seklu, is-sidien tal-art bdew joperaw il-barrieri huma stess, fuq skala ikbar. Wara li l-gvern abolixxa d-dazju fuq il-lavanja fl-1831, it-tkabbir rapidu ġie inċentivat permezz tal-kostruzzjoni ta' linji ferrovjarji tal-gejġ dejjaq għat-trasport tal-lavanja sal-portijiet.

L-industrija tal-lavanja ddominat l-ekonomija tal-Majjistral ta' Wales matul it-tieni nofs tas-seklu 19, iżda kienet fuq skala ferm iżgħar f'inħawi oħra. Fl-1898, forza tax-xogħol ta' 17,000 raġel ipproduċew nofs miljun tunnellata ta' lavanja. Tilwima industrijali qalila fil-Barriera ta' Penrhyn bejn l-1900 u l-1903 immarkat il-bidu tad-deklin tal-industrija, u fl-Ewwel Gwerra Dinjija kien hemm tnaqqis kbir fl-għadd ta' rġiel impjegati fl-industrija. Id-Depressjoni l-Kbira u t-Tieni Gwerra Dinjija wasslu għall-għeluq ta' bosta barrieri iżgħar, u l-kompetizzjoni minn materjali oħra tat-tisqif, b'mod partikolari l-madum, irriżultat fl-għeluq tal-biċċa l-kbira tal-barrieri l-kbar fis-snin 60 u 70 tas-seklu 20. Il-produzzjoni tal-lavanja għadha għaddejja fuq skala ferm iżgħar.

Fit-28 ta' Lulju 2021, il-pajsaġġ tal-lavanja tal-Majjistral ta' Wales tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO,[4] filwaqt li fil-bidu tal-2018 il-lavanja ta' Wales ġiet iddeżinjata mill-Unjoni Internazzjonali tax-Xjenzi Ġeoloġiċi bħala Riżorsa u Wirt tal-Ġebel Globali.[5]

  1. ^ "Story of Slate". Museum Wales (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-22.
  2. ^ Jones, p. 72.
  3. ^ Lindsay p. 133.
  4. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "The Slate Landscape of Northwest Wales". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-22.
  5. ^ "Designations | IUGS Subcommission: Heritage Stones". web.archive.org. 2019-02-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-02-24. Miġbur 2023-08-22.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)

© MMXXIII Rich X Search. We shall prevail. All rights reserved. Rich X Search